Poeżija

“Lieni Lieni f’dal‑jum tiegħek…”

Kattoliċi Maltin

Kattoliċi Maltin

·

23 ta' Awwissu 2026

Qomt mis-sodda b’enerġija

Ħsiebi mill-ewwel mar għalik,

Donnha qalbi wisq ħebritni

Li bħal ommi henti hi fik.

Narak iġġorr dak salibek

Mitlufa f’talbek tħares lejh,

Tgħallem b’għerfek lil kull mara

Li għandha biss l’għajnejh.

Għajnejn Ġesù kollha ħniena

Għal min hu midneb u batut,

Għajnejh laqtu fis lil qalbek

Rajtu fil-fqir w battalt il-but.

Ma qgħadtx tiddandan għax għanja

Xammart kmiemek ta’ sultana,

Għalhekk int Lieni maħbuba

Il-qlub tagħmilhom ferħana.

Int tgħallimna tant inħobbu

Lill-imsejkna u l-imnikkta,

Inkunu għalihom id-dawl

Ta’ Kristu jiddi fis-sikta.

Ejja Lieni, oqgħod miegħi

Itlob għalija f’dan il-waqt,

Biex bħalek nissokta nemmen

Avolja lil ruħi xaqqaqt.

Agħllimni inħobb lil Knisja

​​​Nagħmel il-qalb lill-qassisin,

Għax mingħajrhom nsiru ltiema

Għax ma jkollniex qrar u tqarbin.

U lil min afdawlu ħafna

Fakkru ftit li għandu jaqdi,

Ma jfittixx l-ebda kuluri

B’għemilu juri: “Qed naqdi”.

Lieni Lieni f’dal-jum tiegħek

Għinna nħobbu billi nwissu,

Nagħmlu l-qalb ‘l min qata’ qalbu

Għax illum ‘t-tmintax t’Awwissu.

Aqsam din il-poeżija ma' ħaddieħor.

← Lura għall-paġna prinċipali

artiklu-gdid-mt5h85mj