Il‑Papa jfakkarna fil‑qofol tal‑fidi: l‑imħabba lejn Alla u lejn il‑proxxmu
Kattoliċi Maltin
2 min qari

Fl-Angelus ta' dagħlodu, il-Papa Ljun XIV rrifletta fuq l-Evanġelju tal-lum, fejn duttur tal-Liġi staqsa lil Ġesù liema hu l-akbar kmandament. Il-Papa spjega li Kristu jqiegħed l-imħabba fiċ-ċentru tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla, u li mhux biżżejjed nemmnu li Alla jeżisti jew li jista’ kollox. Alla jixtieq relazzjoni personali magħna, għax, fi kliem il-Papa, “l-uniku veru Alla wieħed irid isir Alla tagħna.”

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa saħaq li ħadd ma jista’ jiġi mġiegħel iħobb. L-imħabba lejn Alla tissodisfa x-xewqa l-aktar profonda tal-bniedem, u tkun awtentika meta tkun tweġiba għall-imħabba ta’ Alla li dejjem tiġi qabel tagħna. Għalhekk tinvolvi l-persuna kollha: il-qalb, ir-ruħ u l-moħħ.
Ibqa' aġġornat/a bl-aħbarijiet il-ġodda bl-email.
Il-Papa fakkar ukoll fit-tieni kmandament, l-imħabba lejn il-proxxmu, li ġejja mill-istess sors. Meta nħarsu lejna nfusna u lejn l-oħrajn bl-għajnejn ta’ Kristu, l-egoiżmu jintrebaħ u ħajjitna ssir għotja għal ħaddieħor. Semma lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li għallmet li mingħajr l-imħabba l-Knisja tieqaf tħabbar l-Evanġelju, u żied li mingħajr l-imħabba l-fidi tiftaqar u l-opri tajba jsiru sempliċi moraliżmu.

Wara l-Angelus, il-Papa esprima t-tħassib tiegħu għall-kriżi umanitarja fil-Jemen, speċjalment f’Taiz, u talab għall-vittmi tal-attakk terroristiku fuq knisja Ortodossa f’Harmoud, fil-Ġordan. Stieden ukoll lill-fidili jingħaqdu spiritwalment mal-mexxejja reliġjużi li se jiltaqgħu f’Assisi fis-27 ta’ Ottubru, fl-40 anniversarju tal-laqgħa għall-paċi li kienet saret fuq inizjattiva ta' San Ġwanni Pawlu II.
Agħmel Il-Ġid, Ixxerja dan l-Artiklu...
“Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.” — Ġesù Kristu
