Festi u Baned · 13 ta' Awwissu 2026

Solennità Kbira tal‑Knisja

Il-festa tal-Assunzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija għandha post tassew speċjali fil-qalb tal-poplu Malti

Agħfas Hawn u Ikteb Artiklu int ukoll
AZ

Adrian Zahra

9 min qari

Solennità Kbira tal-Knisja
SOSTNI MEDIA KATTOLIKA
Irreklama hawnhekk
KELLIMNA HAWN

Illum, l-14 ta’ Awwissu, f’diversi parroċċi u knejjes dedikati lil Marija Assunta, issir quddiesa solenni ta’ radd il-ħajr, bil-kant tat-Te Deum, innu antik ta’ tifħir u ringrazzjament lil Alla. B’hekk il-poplu Nisrani jidħol fl-aħħar tħejjija biex jiċċelebra b’ferħ il-festa tant għażiża ta’ Santa Marija, waħda mill-akbar solennitajiet tas-sena liturġika.

Ibqa' aġġornat/a bl-aħbarijiet il-ġodda bl-email.

Il-festa tal-Assunzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija għandha post tassew speċjali fil-qalb tal-poplu Malti u Għawdxi. Għal sekli sħaħ, il-Maltin ħarsu lejn Santa Marija b’devozzjoni kbira, bħala Omm, interċessur u sinjal qawwi ta’ tama.

F’Malta u Għawdex hemm ħdax-il parroċċa ddedikata lil Marija Assunta. Tmienja minnhom jiċċelebraw il-festa titulari tagħhom fil-15 ta’ Awwissu: Ħal Għaxaq, il-Gudja, il-Qrendi, il-Mosta, Ħ’Attard, l-Imqabba, Birkirkara u l-Katidral tal-Assunta fil-Belt Victoria, Għawdex.

Tliet parroċċi oħra — Ħad-Dingli, l-Imġarr u ż-Żebbuġ f’Għawdex — jiċċelebraw il-festa tagħhom fil-Ħdud ta’ wara.

Din il-preżenza qawwija ta’ parroċċi ddedikati lil Santa Marija turi kemm id-devozzjoni lejn l-Assunta għandha għeruq profondi fil-ħajja reliġjuża tal-gżejjer tagħna.

Solennità kbira tal-Knisja

IMG_5304.jpeg

Fil-15 ta’ Awwissu l-Knisja Universali tiċċelebra s-Solennità tal-Assunzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija. Il-fidi tal-Knisja tgħallimna li Marija, fi tmiem il-ħajja tagħha fuq din l-art, ittellgħet fil-glorja tas-Sema bir-ruħ u l-ġisem.

Għan-Nisrani, l-Assunzjoni hija fuq kollox festa ta’ tama. F’Marija naraw bil-quddiem dak li Alla jwiegħed lil dawk li jgħixu magħqudin ma’ Kristu: li l-mewt mhijiex l-aħħar kelma, li l-ħajja ta’ dejjem hija d-destin aħħari tal-bniedem u li l-bħal ma nitolbu fil-kredu aħna ukoll għad nistennew il-qawma mill-imwiet ta’ ġisimna f’sura ġdida.

Marija hija wkoll eżempju ta’ fidi, umiltà u ubbidjenza. Minn meta qalet l-“iva” tagħha lil Alla fit-Tħabbira tal-Anġlu, sal-mument tas-Salib, baqgħet fidila għall-missjoni tagħha. Għalhekk il-Knisja tħares lejha bħala l-ewwel dixxiplu ta’ Kristu u bħala Omm li takkumpanja lill-poplu ta’ Alla fil-mixja tiegħu.

Santa Marija fil-qalb tal-Maltin

IMG_5305.jpeg

F’pajjiżna, Santa Marija mhijiex biss festa reliġjuża, iżda wkoll parti importanti mill-wirt kulturali u storiku tagħna.

Matul is-sekli, madwar din il-festa nibtu tradizzjonijiet li llum saru parti mill-identità ta’ ħafna rħula u bliet: il-purċissjonijiet, il-kant liturġiku, il-qniepen, l-armar tal-knejjes u tat-toroq, il-baned u l-logħob tan-nar.

Iżda l-qofol ta’ dan kollu jibqa’ wieħed: il-fidi.

Il-festa tilħaq l-iskop veru tagħha meta s-sbuħija esterna twassal lill-bniedem lejn it-talb, lejn is-Sagramenti u lejn laqgħa aktar profonda ma’ Kristu.

Rabta mal-istorja ta’ Malta

IMG_5306.jpeg

Il-15 ta’ Awwissu għandu wkoll tifsira partikulari fl-istorja nazzjonali tagħna.

Fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, fil-15 ta’ Awwissu 1942, vapuri mill-konvoj magħruf bħala Operation Pedestal irnexxielhom jaslu Malta bi provvisti tant meħtieġa għall-gżira assedjata.

Fil-memorja kollettiva tal-Maltin dan il-konvoj baqa’ magħruf bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija, u l-ġrajja kompliet issaħħaħ ir-rabta bejn il-poplu tagħna u l-Assunta.

Għal ħafna Maltin ta’ dik il-ġenerazzjoni, il-wasla tal-konvoj f’jum Santa Marija kienet meqjusa bħala mument ta’ tama f’wieħed mill-aktar żminijiet mudlama tal-istorja ta’ pajjiżna.

Waslet fil-Qrib

IMG_5307.jpeg

Hekk kif il-qniepen tal-knejjes tagħna jħabbru li l-festa waslet fil-qrib, il-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jingħaqad f’dik l-istess għajta li ilha tinstema’ minn ġenerazzjoni għal oħra:

Viva Santa Marija!

Nitolbu lil Marija Assunta biex tkompli tifrex il-ħarsien matern tagħha fuq Malta u Għawdex, fuq il-familji tagħna, fuq il-morda, l-anzjani, iż-żgħażagħ, dawk li jinsabu waħedhom u dawk kollha li għaddejjin minn żmien diffiċli.

Jalla Santa Marija tgħinna nżommu ħarsitna dejjem fuq Kristu u turina t-triq li twassal għall-ħajja ta’ dejjem.

Santa Marija, Ommna u Sultana mtellgħa fis-Sema, itlob għalina.

Viva Santa Marija!

Agħmel Il-Ġid, Ixxerja dan l-Artiklu...

“Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.” — Ġesù Kristu

SOSTNI MEDIA KATTOLIKA
Irreklama hawnhekk
KELLIMNA HAWN
Abbona b'xejnKattoliċi Maltin
Ibqa' aġġornat/a

Irċievi l-aħħar aħbarijiet direttament

Ħalli d-dettalji tiegħek u nibagħtulek l-artikli l-ġodda bl-email.

Id-dettalji tiegħek jinżammu b'mod sigur, ma jinbiegħu jew jinqasmu ma' ħadd, u jintużaw biss biex nibagħtulek l-aħbarijiet tagħna (GDPR). Aqra iktar dwar kif nipproteġu d-dejta tiegħek fil- Privacy Policy.