Festi u Baned · 19 ta' Ottubru 2026

Festa San Franġisk Rabat - 800 sena minn mewtu

800 sena mit-tifkita tal-Mewt ta' Missierna San Franġsik

Agħfas Hawn u Ikteb Artiklu int ukoll
KS

Knisja Santa Marija ta' Ġesu', Rabat

5 min qari

Festa San Franġisk Rabat - 800 sena minn mewtu

Festa San Franġisk t’Assisi fir-Rabat
Programm ta’ ċelebrazzjonijiet mit-3 sal-11 ta’ Ottubru 2026

Il-Patrijiet Franġiskani tal-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù fir-Rabat se jiċċelebraw il-Festa ta’ San Franġisk t’Assisi permezz ta’ programm ta’ attivitajiet reliġjużi, f'sena ukoll ċentinarja hekk kif din is-sena jaħbat t-800 sena mill-mewt ta' Missierna San Franġisk. Programm Reliġjuż, kulturali u komunitarji bejn is-Sibt 3 u l-Ħadd 11 ta’ Ottubru 2026.

Ibqa' aġġornat/a bl-aħbarijiet il-ġodda bl-email.


Iċ-ċelebrazzjonijiet jiftħu s-Sibt 3 ta’ Ottubru bit-tifkira tal-vjaġġ qaddis ta’ Missierna San Franġisk lejn is-sema. Filgħaxija ssir it-Talba tar-Rużarju fil-5:30p.m., segwita fis-6:00p.m. minn Quddiesa Konċelebrata li matulha jiġi ċċelebrat it-Transitu ta’ San Franġisk.

Il-Ħadd 4 ta’ Ottubru, Jum is-Solennità ta’ San Franġisk, il-Quddies ikun fis-7:15a.m., fit-8:30a.m., fid-9:45a.m. u fil-11:00a.m. Matul il-Quddiesa tad-9:45a.m. issir il-vestizzjoni tal-abbatini ġodda.

It-Tnejn 5 ta’ Ottubru, wara r-Rużarju fil-5:30p.m., issir Quddiesa fis-Santwarju ta’ San Ġużepp Inkurunat fis-6:00p.m. Fis-7:00p.m. tittella’ Lejla Mużiko-Letterarja taħt il-patroċinju tal-E.T. Mons. Isqof Sandro Overend Rigillo O.F.M., Vigarju Appostoliku ta’ Bengażi. Tieħu sehem il-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam taħt id-direzzjoni ta’ Mro William Debattista.

It-Tlieta 6 ta’ Ottubru tkun imfakkra l-okkażjoni tal-50 sena saċerdozju ta’ Patri Pawl Galea O.F.M. Wara r-Rużarju fil-5:30p.m., fis-6:00p.m. tiġi ċċelebrata Quddiesa Konċelebrata Solenni fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu.

It-Tridu jibda l-Erbgħa 7 ta’ Ottubru. Il-Quddiesa tas-6:00p.m., bil-prietka, titmexxa mir-Rev. Kan. Dun Joseph Mizzi, Arċipriet tal-Parroċċa tar-Rabat.

Il-Ħamis 8 ta’ Ottubru, il-Quddiesa bil-prietka titmexxa minn Patri Pawl Attard O.F.M., Direttur lokali tal-Ordni Franġiskan Sekular. Matulha jsir it-tiġdid tal-Professjoni tal-membri tal-Ordni Franġiskan Sekular. Fiż-żewġ ġranet, iċ-ċelebrazzjonijiet jintemmu bil-Kant tal-Antifona u l-Barka Sagramentali.

Il-Ġimgħa 9 ta’ Ottubru, it-Tielet Jum tat-Tridu, tkun iċċelebrata wkoll il-Festa ta’ San Carlo Acutis. Fid-9:00a.m. issir Quddiesa għat-tfal tal-Iskola Primarja tar-Rabat. Fil-5:30p.m. jitlaq korteo mill-Knisja u s-Santwarju tal-Madonna tas-Saħħa bix-xbihat ta’ San Franġisk u San Carlo Acutis. Jieħdu sehem l-abbatini, it-tfal, u t-tfal tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija M.U.S.E.U.M.

Fis-6:00p.m. issir Quddiesa bil-prietka minn Patri Joseph Caruana O.F.M., Gwardjan tal-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù. Fi tmiem il-Quddiesa tingħad it-talba ta’ interċessjoni lil San Carlo Acutis quddiem il-Bust Relikwarju. Janima l-Kor tat-Tfal Father’s Angels tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema. Fis-7:30p.m. issir Pasta Night fis-Sala tal-Każin tal-Banda L’Isle Adam.


Is-Sibt 10 ta’ Ottubru, lejlet il-Festa, fil-5:45p.m. issir it-Translazzjoni bir-Relikwa ta’ San Franġisk, immexxija minn Patri Richard Stanley Grech O.F.M. It-Translazzjoni titlaq mis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp Inkurunat u tgħaddi minn Triq San Ġużepp, Pjazza L’Isle Adam, Triq Doni u Triq San Pawl sal-Knisja. Jieħdu sehem il-Patrijiet Franġiskani, membri tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp u membri tal-Ordni Franġiskan Sekular.

Fis-6:00p.m. issir Konċelebrazzjoni Solenni tal-Quddiesa mmexxija minn Patri Richard. Wara ċ-ċelebrazzjoni, il-pubbliku huwa mistieden għar-Riċeviment tal-Festa fil-Kunvent.

Il-qofol tal-programm jintlaħaq il-Ħadd 11 ta’ Ottubru, Jum il-Festa. Il-Quddies ta’ filgħodu jkun fis-7:15a.m. u fit-8:30a.m. Fid-9:30a.m. issir il-Quddiesa Solenni Konċelebrata tal-Festa, immexxija minn Patri Ramon Farrugia O.F.M., Ministru Provinċjal. Il-ġabra matul din il-Quddiesa tmur b’risq Dar Bjorn.

Fl-10:15a.m. jibda marċ mill-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam minn tarf Triq San Pawl sal-Knisja, fejn tintlaqa’ l-vara ta’ San Franġisk fil-bieb tal-Knisja. Wara jingħata bidu għat-tberik tal-annimali quddiem il-Knisja. Il-Kunsill Lokali tar-Rabat jagħti wkoll tifkira tal-okkażjoni.

Matul il-jiem tal-festa jieħu sehem il-Kor San Franġisk t’Assisi, bl-organista Cheryl Ann Vella. Lejlet il-Festa, l-orkestra tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Galea.

Il-Patrijiet Franġiskani jistiednu lill-familji u lill-pubbliku sabiex jingħaqdu magħhom għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ fidi, fraternità u ferħ Franġiskan fil-qalba tar-Rabat.

Agħmel Il-Ġid, Ixxerja dan l-Artiklu...

“Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.” — Ġesù Kristu

SOSTNI MEDIA KATTOLIKA
Irreklama hawnhekk
KELLIMNA HAWN
Abbona b'xejnKattoliċi Maltin
Ibqa' aġġornat/a

Irċievi l-aħħar aħbarijiet direttament

Ħalli d-dettalji tiegħek u nibagħtulek l-artikli l-ġodda bl-email.

Id-dettalji tiegħek jinżammu b'mod sigur, ma jinbiegħu jew jinqasmu ma' ħadd, u jintużaw biss biex nibagħtulek l-aħbarijiet tagħna (GDPR). Aqra iktar dwar kif nipproteġu d-dejta tiegħek fil- Privacy Policy.